Djarju tal-AFC Ajax Summer Camp ta’ Keene u Luke

L-Avventura tagħna fis-Summer Camp tal-AFC Ajax- Luke u Keene Muscat

Nhar il-Ħadd, 22 ta’ Lulju 2016 waslet il-ġurnata li kien ilna tant nistennew. Kienet il-ġurnata li fiha flimkien mal-Head coach Alex Delia, il-Coach Stephen Borg, il-ġenituri tagħna u disat itfal oħra mill-Mellieħa SC Nursery, morna Amsterdam, l-Olanda biex nagħmlu ħamest ijiem training fil-Kumpless tat-Training de Toekomst tal-klabb famuż tal-futbol, AFC Ajax. Minn barra aħna, min-Nursery tal-Mellieħa SC ġew għall-kamp Nicholai, Daniel, Ryan, Zach, Luke, Mark, Miguel, Jack u Mathias.
Malli wasalna, dakinhar stess waranofsinhar morna nfittxu t-training grounds fejn konna se nilagħbu. Il-lukanda kienet f’post kwiet, imdawwar b’għadajjar, siġar u għasafar u qrib l-istazzjon tal-metro. Aħna u sejrin lejn it-training grounds għaddejna għall-ewwel darba minn ħdejn l-Amsterdam ArenA. Dħalna f’ħanut tal-isport, li fuq il-ħġieġa ta’ barra kellu l-armi tal-aqwa klabbs Ewropej bħal Barcelona, Chelsea, Juventus, Bayern Munich u l-AFC Ajax. Żorna wkoll il-ħanut uffiċjali tal-AFC Ajax minn fejn ’il quddiem, kulħadd xtara xi ħaġa bħala rikordju tal-kamp. Imbagħad lgħabna street soccer, fi pjazza mnejn ma jgħaddux karozzi u tgħidx kemm dħakna.
Biex wasalna l-kumpless tat-training tal-AFC Ajax domna ftit. Kien hemm madwar nofs siegħa mixi mil-lukanda. Biss, hekk kif wasalna, ħadna gost ħafna għax ħallewna nidħlu fuq grawnd tal-ħaxix ta’ veru u rajna l-kumpless kollu de Toekomst minn barra. Il-kumpless fih 9 pitches fejn isir it-training, fosthom wieħed kbir ħafna indoor, li jsejħulu miCoach Centre. Tul il-ħames ijiem ta’ training lgħabna wħud minn dawn il-grawnds u barra minn hekk ħaduna wkoll f’pitch ħdejn l-Arena, fejn il-klabbs li jkunu se jilagħbu fl-ArenA jagħmlu l-preparamenti tagħhom.
Fl-ewwel ġurnata tat-training, l-organizzaturi tas-Summer Camp qassmuna fi gruppi differenti, kulħadd skont l-età tiegħu. Jien Luke inzertajt ma’ Zach. Ħija Keene kien ma’ Mark, Luke u Jack. Ryan u Daniel kienu flimkien ukoll. Miguel u Mathias bdew f’żewġ gruppi separati u mbagħad għaqqduhom, u Nicholai kien fi grupp ieħor, għal rasu. Kull grupp kien imsemmi għal plejers famużi li lagħbu mal-AFC Ajax. Hekk aħna l-Melleħin konna fil-gruppi Eriksen, Seedorf, Suàrez, Huntelaar, Bergkamp, u Bazoer. Il-coaches kienu tassew professjonali u tal-aqwa kwalità. Il-coach tiegħi kien jismu Lars Boere u ta’ Keene, Rico. Qabel ma bdejna t-training qalulna r-regolamenti tagħhom u kif kellna nġibu ruħna. Pereżempju qalulna li l-flokk irid jinżamm dejjem ġewwa x-xorz u li l-kalzetti riedu jkunu dejjem sal-irkoppa.
F’kull grupp kien hemm tfal minn pajjiżi u klabbs differenti. Fil-grupp tiegħi Eriksen kelli tfal mill-USA, it-Turkija, iċ-Ċina, l-Irlanda, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Italja, id-Danimarka u gżira qrib l-Amerika t’isfel, li isimha kien tqil wisq biex niftakru. Keene fil-grupp Seedorf kellu plejers tal-età tiegħu mill-Kanada, l-Awstrija, l-Awstralja, l-Ingilterra u l-Iskozja, minn klabbs bħal QPR, Celtic u Vancouver Whitecaps FC. It-tifel Kanadiż Simone, li ttrejnja ma’ Keene, Mark, Luke u Jack wera ħiliet eċċellenti fil-kontroll u l-logħob bil-ballun tant li ġibed l-attenzjoni tal-iscout Patrick Ladru u l-AFC Ajax se jagħtuh trial magħhom.
Kull ġurnata tat-training konna nibdew b’ball mastering u technique. Imbagħad it-taħriġ kien ivarja minn ġurnata għal oħra. Għoġobni dak li huma jsejħu ‘football clinic’ fejn ikun hemm attività differenti kull kwarta bħal 1 v 1, 3 v 3, 5 v 5, futbol Belġjan, drible challenge u shooting challenge. Kienu jisħqu magħna li rridu nkunu kapaċi naqilbu malajr minn sitwazzjoni ta’ attakk għal waħda ta’ difiża u bil-kontra. Fl-attakk jagħfsu fuq il-ħeffa u d-dribling filwaqt li fid-difiża jisħqu fuq il-passing biex toħroġ min-nofs difiż mit-tim tiegħek.
Bħala skills se nibqgħu niftakru żgur kif jipprattikaw il-Veltman change of play, Younes drible, Cruijff turn, Ronaldo chop, Zidane turn u Iniesta pass. Ma’ dawn ħarrġuna fis-scissors, stepovers, ball rolling, inside u outside cuts u through balls. Mhux se jitilqu minn moħħna malajr il-kliem ‘Speed up’ u ‘Slow down’, li tant smajniehom iħambqulna. Tal-Ajax jemmnu ħafna fil-bdil fl-ispid, id-dribling qrib il-plejer u l-logħob biż-żewġ saqajn, mhux sieq waħda.
Nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Lulju 2016 il-coaches tal-AFC Ajax ħaduna naraw l-Amsterdam ArenA, fejn l-AFC Ajax jilagħbu l-logħob home tagħhom u fejn dakinhar stess filgħaxija l-Ajax lagħbu logħba preliminari taċ-Champons League kontra l-PAOK tal-Greċja u ġew draw wieħed b’wieħed. L-Arena nbena bejn l-1993 u l-1996, jesa’ 53,000 spettatur u fl-2013 intlagħbet fih il-finali tal-UEFA Europa League bejn Chelsea u Benfica, li Chelsea rebħu 2-1. Rajna l-Press Conference Room, esebizzjoni tal-istorja tal-klabb, dehra tal-grawnd mill-istands u l-control room tad-dwal li jdawlu l-istess stadium.
It-training kien jibda fid-9:00 ta’ filgħodu u jispiċċa fl-4:00 ta’ waranofsinhar, minbarra fl-aħħar ġurnata, fejn kien biss sas-13:00. Wara t-training konna nkunu xi ftit għajjenin imma xorta konna nieħdu gost mal-coaches il-lukanda. Waqt li huma kienu jaħslulna l-kits u jnixxfuhom, aħna konna noqogħdu nilagħbu t-table soccer u l-biljards jew niċċaċċraw bejnietna. Darba minnhom tal-lukanda organizzawlna BBQ, biss l-ikel kellna nsajruh aħna. Għall-biċċa tax-xogħol daħal il-coach Stephen, u sibna li għandu t-talent ta’ chef ukoll għax xwielna biċċtejn laħam, niżlulna għasel.
Darba oħra l-Head Coach organizzalna kwiżż fuq il-futbol. Inqsamna f’żewġ gruppi, wieħed immexxi minni u l-ieħor minn ħija Keene. Il-Head coach saqsa l-mistoqsijiet, missieri żamm il-ħin, il-coach Stephen qagħad attent li ħadd ma jfotti u ommi għamlitha ta’ nutar, iżżomm il-punti. Il-mistoqsijiet ma kinux ħfief imma kważi qtajniehom konna. M’hemmx xi ngħidu, rebaħ it-tim tiegħi.
Fl-aħħar jum, il-Ġimgħa, 27 ta’ Lulju, wara s-sessjoni ta’ training, morna għall-Open Day tal-AFC Ajax. Kien hemm palk armat b’show u mużika għolja biex jippromwovu l-AFC Ajax. Tawna ġelat u xi stikers tal-klabb b’xejn. Wara morna bil-metro fiċ-ċentru ta’ Amsterdam fejn gwida ħadna dawra mal-belt u qagħad jispjegalna b’mod mexxej u umoristiku l-istorja tagħha. Qsamna għadd ta’ kanali u rajna Dam Square, il-ghetto tal-Lhud, il-bini tad-Dutch East India Company, id-dar tal-pittur Rembrandt, postijiet li bena ħu Napuljun Louis Bonaparte, it-tieni l-eqdem knisja tal-belt, il-palazz li fih kien hemm il-Posta, u l-fabbrika tad-djamanti. Il-mixja spiċċat f’dolċerija tal-waffles b’kulħadd jiekol u jilgħaq subgħajh miċ-ċikkulata. Filgħaxija, lura l-lukanda, spiċċajna l-avventura tagħna Amsterdam b’Pizza night.
Dan il-football training camp mal-AFC Ajax għalina kien esperjenza tassew sabiħa. Tgħallimna ħafna mit-training, iltqajna ma’ tfal minn pajjiżi differenti u ħadna gost immens. Minn qalbna nixtiequ nirringrazzjaw lill-Head coach Alex Delia, lill-coach Stephen Borg, il-ġenituri tagħna u l-Mellieha SC Nursery tal-opportunità li tawna biex ikollna esperjenza ta’ training barra minn Malta. Nisperaw fil-futur qrib isiru football camps oħra bħal dawn, barra minn Malta.

Artiklu miktub mill-ahwa Luke u Keene Muscat, membri fi hdan in-nursery taghna li ppartecipaw fis-summer camp tal-AFC Ajax gewwa Amsterdam organizzat minn-nursery taghna.13938457_1651577711823902_3866067781943409498_n 14021702_1651577545157252_8194987888518052495_n 14034772_1651577515157255_670920537099827374_n 14034883_1651577648490575_7637728364107790060_n 14039896_1651577915157215_7831528956305484801_n 14055009_1651577761823897_8483794639422577701_n 14088487_1651577595157247_1445320406360633194_n 14100465_1651577865157220_1001778310248344036_n 14102408_1651577928490547_4760103004293821623_n